top of page
Writer's pictureMJAW

Żmien ir-Risposti (3° minn 5)

Updated: Feb 17, 2020

Għalfejn semmejt l-album Diski Għall-Ħmir? U dik il-Karrotta, xi trid tgħid biha?


Mistoqsijiet ta' din ix-xejra ġejt mistoqsi spiss. U bi prinċipju li kont bdejt inħaddan sa mill bidu li Diski Għall-Ħmir kien qed jiġi msawwar, dejjem b'xi mod fittixt li naħrab li nirrispondi. Dan għaliex li tomgħod huwa parti mill-proċess ta' diġestjoni, u dan jimplika li persuna mhux dejjem ser tiġi vantaġġjata b'risposta ċara.


Iżda ż-żmien issa nbidel. Il-Maltin għandhom aktar x'jomgħodu milli jiflaħ ix-xedaq, u aktar x'jidiġerixxu milli jiflaħ l-istonku.

Wasal iż-żmien għar-risposti, kemm f'ambiti 'kbar' u 'mportanti' bħal dak politiku, kif ukoll f'ambiti aktar umli u terreni, bħall-każ ta' dan l-album jismu Diski Għall-Ħmir. U allura ddeċidejt li ngħati ftit risposti, partikolarment fejn jidħlu l-livelli ta' tifsir marbutin mal-ħmar u l-karrotta.


Għal dan il-għan ser nippowstja serje ta' 'risposti', ftit ftit, anke biex jkollna biex inserrħu l-attenzjoni tagħna mill-vampiriżmu politiku li qed jibla l-poplu Malti f'dan iż-żmien.


Dan it-tielet 'post':


Il-Karrotta: l-illużjoni li tjassarna


Kulħadd xi darba ltaqa ma xi video jew ritratt ta' ħmar marbut ma mażra jiġri wara karrotta mdendla, biex b'hekk jgħamel xogħol ta xi tip jew ieħor kif jirrikjedi l-imgħallem. F'Diski Għall-Ħmir l-immaġni tal-karrotta tfisser sempliċiment dan.



Aħna twelidna f'baħar ta' llużjonijiet, fi storbju kontinwu li jaljenana minn dik il-verita' siekta li kull wieħed u waħda minna għandna f'qiegħ sidirna.






Il-karrotta hija rappreżentazzjoni ta' dan l-istorbju politiku, reliġjuż, emozzjonali, psikoloġiku, fiżiku, u fuq kollox, l-istorbju mentali. Dan l-istorbju jagħmilna lsiera. Mgeżwrin fih ngħixu bħallikieku atturi f'kummiedja traġika fejn ix-xewqat, il-movimenti, u l-ħsibijiet tagħna huma diġa' fil-'magħmul'.




L-aktar parti perikoluża ta' din il-'karrotta' hija l-konvinzjoni, li rarament ninterrogaw; li aħna liberi.



Iżda meta wieħed jibda jinnota u jagħti l-wisa' lilu nnifsu biex jagħraf x'hemm moħbi fl-ovvju, wieħed ma jistax jevita li jħalli din il-mistoqsija tqum :




“Imma tgħid veru li jien għandi l-liberta'?”


Avolja hija mistoqsija siewja ħafna, fiha wieħed jista' jsib l-iżball fundamentali ta' min 'ifittex' il-liberta'.


Il-ħelsien, fil-fatt, ma jista' qatt ikun 'xi ħaġa' li wieħed 'għandu' jew li wieħed jista 'jaħtaf'. B'hekk il-liberta' ssir illużjoni oħra, “achievement” fost l-oħrajn, kunċett lest u 'magħmul', karrotta ġdida. B'hekk il-ħelsien infittxuħ ġo futur fejn ser ikollna biżżejjed flus u propjeta', biżżejjed informazzjoni, politiċi onesti, ġisem safi, tfal li rrnexxew, loan imħallsa, mara jew raġel li tħobbna/jħobbna, xogħol li kuntenti fih...


Dawn, u bosta 'affarijiet' oħra, moħħna, marid kif inhu, jiggranfa magħhom biex 'jeħlisna' milli nonoraw il-mument ta' issa, dak l-ispazju li fih iseħħ kollox!


Il-ħelsien ma jiġix minn dak li għandek jew li jista jkollok. Il-ħelsien jiġi id f'id ma l-għarfien tiegħek innifsek.


B'dan l-għarfien jonqos il-bżonn għall-karrotta,

il-moħħ bil-mod il-mod jikwieta

u jnaqqas il-vizzju li jinkwieta u jiblalek saħħtek,

jonqos il-poter li għandhom fuqek in-nervi, l-anzjeta' u l-inkwiet żejjed.

F'kelma waħda, jonqos l-uġigħ.


Ivverifika dan kollu għalik innifsek, u tara.





85 views0 comments

Comments


bottom of page